Navigation Path: Home > The European Central Bank > Edukattiv > Preżentazzjoni tal-FATTI > Il-politika monetarja > Slide 1
IL-POLITIKA MONETARJA

L-għan ewlieni ta’ l-Eurosistema hu li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Din hi d-dispożizzjoni ewlenija tal-kapitlu dwar il-politika monetarja fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (Trattat KE). It-Trattat jiffoka l-politika monetarja tal-BĊE fuq dan il-għan, u b’hekk jinkorpora l-ħsieb ekonomiku modern dwar ir-rwol, l-iskop u l-limiti tal-politika monetarja u hu l-bażi ta’ l-istruttura istituzzjonali u organizzattiva ta’ l-attività tal-banek ċentrali fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja.
L-għan taż-żamma ta’ l-istabbiltà tal-prezzijiet ġie assenjat mit-Trattat għal raġunijiet validi.
L-ewwel, għexur ta’ snin ta’ esperjenza prattika u għadd kbir ta’ studji ekonomiċi jissuġġerixxu li l-politika monetarja se tikkontribwixxi l-iżjed għal titjib fil-prospetti ekonomiċi u fil-livell ta’ l-għajxien taċ-ċittadini billi żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet fuq tul ta’ żmien.
It-tieni, il-bażi teoretika tal-politika monetarja kif ukoll l-esperjenza ta’ l-imgħoddi juru li l-politika monetarja tista’ fl-aħħar mill-aħħar tinfluwenza biss il-livell tal-prezzijiet fl-ekonomija. B’hekk, iż-żamma ta’ prezzijiet stabbli hu l-uniku għan possibbli għall-politika monetarja unika fuq żmien medju. B’kuntrast, barra mill-impatt pożittiv ta’ l-istabbiltà tal-prezzijiet, il-politika monetarja m’għandha l-ebda skop biex teżerċita influwenza dewwiema fuq il-fatturi varjabbli reali.
L-Eurosistema hi meħtieġa taġixxi skond il-prinċipju ta’ ekonomija ta’ suq ħieles b’kompetizzjoni ħielsa li tiffavorixxi l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi.
MP.001 01/07
Bank Ċentrali Ewropew