12 / 19
L-organizzazzjoni
Id-doveri tal-BĊE (1/2)
B’kuntrast mal-banek ċentrali nazzjonali (BĊN), il-BĊE jwettaq ftit operazzjonijiet biss. Minflok, jiffoka fuq il-formulazzjoni tal-politika u jiżgura li d-deċiżjonijiet jiġu implimentati b’mod konsistenti mill-BĊN.
B’mod partikolari, il-BĊE hu responsabbli għal
- Definizzjoni tal-politika ta’ l-Eurosistema: il-Kunsill Governattiv tal-BĊE hu responsabbli għall-politika monetarja għall-munita unika. Dan jinkludi d-definizzjoni ta’ l-istabbiltà tal-prezzijiet, kif jiġu analizzati r-riskji inflazzjonarji, eċċ.
- Deċiżjonijiet, koordinament u sorveljanza ta’ l-operazzjonijiet tal-politika monetarja: il-BĊE jagħti struzzjonijiet lill-BĊN dwar id-dettalji ta’ l-operazzjonijiet meħtieġa (valur, ħin, data, eċċ.) u jiċċekkja li jsiru sew.
- Adozzjoni ta’ atti legali: fi ħdan limiti definiti fid-dettall, il-korpi għat-teħid tad-deċiżjonijiet għandhom is-setgħa joħorġu atti legali li jorbtu fi ħdan l-Eurosistema, bħal ma huma Linji gwida u Struzzjonijiet, biex jiżguraw li l-operazzjonijiet deċentralizzati jitwettqu b’mod konsistenti mill-BĊN. Barra dan, fi ħdan limiti definiti, jistgħu jadottaw Regolamenti u Deċiżjonijiet, li jorbtu barra l-Eurosistema.
- Awtorizzazzjoni għall-ħruġ ta’ karti tal-flus: dan jinkludi l-ippjanar u l-koordinazzjoni strateġiċi tal-produzzjoni u l-ħruġ tal-karti tal-flus ta’ l-euro. Barra dan, il-BĊE jikkoordina l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp ta’ l-Eurosistema u s-sigurtà u l-kwalità tal-produzzjoni tal-karti tal-flus ta’ l-euro. Barra dan, il-BĊE jħaddan fih iċ-Ċentru għall-Analiżi tal-Flus Foloz għall-analiżi u l-klassifika tal-karti tal-flus ta’ l-euro foloz, id-dejtabejż ċentrali għall-karti tal-flus ta’ l-euro foloz, u ċ-Ċentru Internazzjonali biex Jostakola l-Iffalzifikar tal-Flus, li jikkontribwixxi għall-kooperazzjoni globali tal-banek ċentrali fl-ostakolar ta' l-iffalzifikar taħt il-patroċinju tal-Gvernaturi tal-G10.
- Interventi fis-swieq tal-kambju barrani: jekk ikun meħtieġ, dan isir ukoll flimkien ma’ BĊN individwali. Dan jinvolvi x-xiri u/jew bejgħ ta’ titoli fis-swieq tal-kambju barrani.
- Kooperazzjoni Internazzjonali u Ewropea: biex jippreżenta l-fehmiet tiegħu fuq livell internazzjonali u Ewropew, il-BĊE jieħu sehem fil-laqgħat ta' diversi fora internazzjonali u Ewropej. F’Diċembru 1998, il-BĊE sar l-uniku bank ċentrali fid-dinja li ngħata status ta’ osservatur fil-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u issa jieħu sehem fil-laqgħat kollha tal-Bord Esekuttiv tal-FMI dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Għal din ir-raġuni, il-BĊE stabbilixxa rappreżentanza permanenti f’Washington D.C. Barra dan, il-BĊE jieħu sehem fil-laqgħat tal-G7, tal-G20 u tal-Forum dwar l-Istabbiltà Finanzjarja. Fuq livell Ewropew, il-President tal-BĊE jiġi mistieden regolarment biex jattendi l-laqgħat ta’ l-Eurogroup, il-laqgħat informali ta’ kull xahar tal-ministri tal-finanzi taż-żona ta’ l-euro. Barra dan, il-BĊE jista’ jieħu sehem fil-laqgħat tal-Kunsill ta’ l-UE kull meta jiġu diskussi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-għanijiet u d-doveri ta’ l-Eurosistema.
OR.012 01/07
Bank Ċentrali Ewropew
lura għall-bidu

Cross-navigation Menu
Materjal li jista’ jitniżżel