Navigation Path: Home > The European Central Bank > Storja > Unjoni Ekonomika u Monetarja
F’Ġunju ta’ l-1988 il-Kunsill Ewropew ikkonferma l-għan tas-seħħ progressiv ta’ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM). Dan ta l-mandat lil kumitat ippresedut minn Jacques Delors, li dak iż-żmien kien il-President tal-Kummissjoni Ewropea, biex jeżamina u jipproponi fażijiet konkreti li jwasslu għal din l-unjoni.
Il-kumitat kien magħmul mill-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tal-KE; Alexandre Lamfalussy, li dak iż-żmien kien il-Maniġer Ġenerali tal-Bank għas-Saldi Internazzjonali (BIS); Niels Thygesen, Professur ta’ l-ekonomija, Danimarka; u Miguel Boyer, li dak iż-żmien kien il-President tal-Banco Exterior de España.
Ir-Rapport Delors li ħareġ ippropona illi l-unjoni ekonomika u monetarja għandha tintlaħaq fi tliet passi diskreti iżda evoluzzjonarji.
Fuq il-bażi tar-Rapport Delors, il-Kunsill Ewropew iddeċieda f’Ġunju 1989 illi l-ewwel fażi tas-seħħ ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja għandha tibda fl-1 ta’ Lulju 1990. F’din id-data, fil-prinċipju, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri ġiet abolita.
Il-Kumitat tal-Gvernaturi tal-banek ċentrali ta’ l-Istati Membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea, li kellu rwol dejjem aktar importanti fir-rigward tal-kooperazzjoni monetarja sa minn meta nħolqot f’Mejju ta’ l-1964, ġie mogħti iżjed responsabbiltajiet. Dawn ġew stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill datata 12 ta’ Marzu 1990. Id-dmirijiet il-ġodda tagħhom kienu jinkludu konsultazzjonijiet dwar, u l-promozzjoni tal-koordinament tal-linji politiċi monetarji ta’ l-Istati Membri, bil-għan illi tiġi miskuba l-istabbilità fil-prezzijiet.
Minħabba ż-żmien relattivament qasir li kien hemm u l-komplessità tad-dmirijiet involuti, ix-xogħol preparatorju tat-Tielet Fażi ta’ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) ingħata bidu wkoll mill-Kumitat tal-Gvernaturi. L-ewwel pass kien illi jiġu identifikati l-kwistjonijiet kollha li kellhom jiġu eżaminati f’fażi bikrija, biex jiġi stabbilt programm ta’ xogħol sa l-aħħar ta’ l-1993 u biex jiġu definiti bix-xieraq, il-mandati tas-sotto-kumitati u tal-gruppi ta’ xogħol eżistenti u stabbiliti għal dak il-għan.
Għat-twettiq tat-Tieni u tat-Tielet Fażi, kien neċessarju illi jiġi rrevedut it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (it-Trattat ta’ Ruma) sabiex tiġi stabbilta l-istruttura istituzzjonali meħtieġa. Għal dan il-għan, ġiet imsejħa Konferenza Intergovernattiva dwar l-UEM, li saret fl-1991 fl-istess ħin li kienet għaddejja l-Konferenza Intergovernattiva dwar l-unjoni politika.
In-negozjati rriżultaw fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li kien ġie miftiehem f’Diċembru ta’ l-1991 u ffirmat f’Maastricht fis-7 ta’ Frar 1992. Madankollu, minħabba dewmien fil-proċess ta’ ratifikazzjoni, it-Trattat (li emenda t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea – li bidel ismu għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea - u li introduċa, inter alia, il-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali ( pdf 200 kB, en) u l-Protokoll dwar l-Istatut ta’ l-Istitut Monetarju Ewropew) baqa’ ma daħalx fis-seħħ sa l-1 ta’ Novembru 1993.
lura għall-bidu tal-paġnaIt-twaqqif ta’ l-Istitut Monetarju Ewropew (IME) fl-1 ta’ Jannar 1994 immarka l-bidu tat-tieni fażi ta’ l-UEM u b’dan, il-Kumitat tal-Gvernaturi waqaf jeżisti. L-eżistenza transitorja ta’ l-IME irriflettiet ukoll il-qagħda ta’ l-integrazzjoni monetarja ġewwa l-Komunità. L-IME ma kellu l-ebda responsabbiltà għat-tmexxija tal-politika monetarja fl-Unjoni Ewropea – din baqgħet fid-dominju ta’ l-awtoritajiet nazzjonali – lanqas ma kellu xi kompetenzi biex iwettaq intervent fil-kambju tal-flus.
Iż-żewġ rwoli ewlenin ta’ l-IME:
Għal dan il-għan, l-IME ipprovda forum għal konsultazzjoni u skambju ta’ idejat u ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ natura politika u speċifika l-qafas regolatorju, organizzazzjonali u loġistiku neċessarju għall-SEBĊ sabiex ikun jista’ jwettaq id-dmirijiet tiegħu fit-Tielet Fażi.
Dwar ix-xogħol preparatorju ta’ l-IME
F’Diċembru ta’ l-1995, il-Kunsill Ewropew qabel li jsemmi l-munita Ewropea li kellha tiġi introdotta fil-bidu tat-Tielet Fażi, l-“euro”, u kkonferma illi t-Tielet Fażi ta’ l-UEM kellha tibda fl-1 ta’ Jannar 1999. Ġiet imħabbra minn qabel is-sekwenza kronoloġika ta’ avvenimenti relatati ma’ meta s-sistema kellha taqleb għall-euro. Dan ix-xenarju kien ibbażat b’mod ewlieni fuq proposti dettaljati elaborati mill-IME.
Fl-istess waqt, l-IME ġie mogħti d-dmir li jagħmel xogħol ta’ tħejjija fuq ir-relazzjonijiet futuri monetarji u tar-rati tal-kambju bejn iż-żona ta’ l-euro u pajjiżi oħra ta’ l-UE. F’Diċembru ta’ l-1996 l-IME ppreżenta r-rapport tiegħu lill-Kunsill Ewropew, li fforma l-bażi ta’ Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-prinċipji u l-elementi fundamentali tal-mekkaniżmu l-ġdid tar-rati tal-kambju (ERM II), li ġie adottat f’Ġunju 1997.
F’Diċembru ta’ l-1996 l-IME ppreżenta lill-Kunsill Ewropew, u sussegwentement lill-pubbliku, is-serje ta’ disinni magħżula għall-flus tal-karti ta’ l-euro li kellhom jibdew jiċċirkolaw mill-1 ta’ Jannar 2002.
Sabiex jikkomplimenta u jispeċifika d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-UEM, il-Kunsill Ewropew adotta l-Patt ta’ Stabbiltà u Żvilupp f’Ġunju ta’ l-1997 – hemm żewġ Regolamenti illi jiffurmaw parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u Żvilupp, li għandu l-għan illi jiżgura d-dixxiplina fl-estimi fir-rigward ta’ l-UEM. Il-Patt ġie ssupplimentat u l-impenni rispettivi ġew imsaħħa permezz ta’ Stqarrija tal-Kunsill f’Mejju 1998.
Fit-2 ta’ Mejju 1998 il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea – magħmul minn Kapijiet ta’ l-Istat jew tal-Gvern – iddeċieda b’mod unanimu illi 11-il Stat Membru ssodisfaw il-kundizzjonijiet neċessarji għall-parteċipazzjoni fit-tielet fażi ta’ l-UEM u għall-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 1999. L-ewwel parteċipanti kienu l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja. Il-Kapijiet ta’ l-Istat jew tal-Gvern laħqu wkoll ftehim politiku dwar il-persuni li kellhom jinħatru bhal membri tal-Bord Esekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).
F’Mejju ta’ l-1998 ukoll, il-ministri tal-finanzi ta’ l-Istati Membri li kienu adottaw il-munita unika ftehmu mal-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ dawn l-Istati Membri, mal-Kummissjoni Ewropea u ma’ l-IME illi r-rati ċentrali bilaterali kurrenti ta’ l-ERM tal-munita ta’ l-Istati Membri parteċipanti jiġu wżati sabiex jiġu stabbiliti r-rati ta’ kambju irrevokabbli ta’ l-euro.
Fil-25 ta’ Mejju 1998 il-gvernijiet tal-11-il Stat Membru parteċipanti ħatru l-President, il-Viċi-President u l-erba’ membri l-oħra tal-Bord Esekuttiv tal-BĊE. Il-ħatra tagħhom bdiet isseħħ mill-1 ta’ Ġunju 1998 u mmarkat it-twaqqif tal-BĊE. Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Istati Membri parteċipanti flimkien jikkostitwixxu l-Eurosistema, li tifformula u tiddefenixxi l-politika monetarja waħdanija fit-Tielet Fażi ta’ l-UEM.
Bit-twaqqif tal-BĊE fl-1 ta’ Ġunju 1998, l-IME temm id-dmirijiet tiegħu. Skond l-Artikolu 123 (ex Aritkolu 109l) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-IME ġie xolt hekk kif ġie mwaqqaf il-BĊE. Ix-xogħol preparatorju kollu fdat f’idejn l-IME ġie konkluż kmieni u l-BĊE ddedika l-bqija ta’ l-1998 għall-ittestjar finali tas-sistemi u tal-proċeduri.
lura għall-bidu tal-paġnaFl-1 ta’ Jannar 1999, bdiet it-tielet u l-aħħar fażi ta’ l-UEM, bl-iffissar irevokabbli tar-rati tal-kambju tal-muniti tal-11-il Stat Membru li kienu qed jipparteċipaw fl-Unjoni Monetarja u bit-tmexxija ta’ politika monetarja unika taħt ir-responsabbiltà tal-BĊE.
L-għadd ta’ Stati Membri parteċipanti żdied għal 12 fl-1 ta’ Jannar 2001, meta l-Greċja daħlet fit-tielet fażi ta’ l-UEM. Is-Slovenja saret it-13-il membru taż-żona ta' l-euro fl-1 ta’ Jannar 2007, sena wara ssieħbu Ċipru u Malta, u fl-1 ta' Jannar 2009 issieħbet is-Slovakja. Fil-jum meta kull pajjiż jissieħeb maż-żona ta' l-euro, il-bank ċentrali tiegħu jsir awtomatikament parti mill-Eurosistema.
lura għall-bidu tal-paġna