Navigation Path: Home > L-Euro > Il-bidla tal-flus kontanti > Ċipru (2008)
Fl-10 ta' Lulju 2007, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea approva l-applikazzjoni ta' Ċipru biex jissieħeb fiż-żona ta' l-euro fl-1 ta' Jannar 2008.
Fl-1 ta’ Jannar 2008, l-euro (EUR) sar valuta legali f'Ċipru, u ssostitwixxa l-pound Ċiprijotta (CYP) bir-rata tal-kambju fissa u irrevokabbli ta’ €1 = CYP 0.585274. Id-distribuzzjoni minn qabel u puntwali tal-flus kontanti ta’ l-euro lil partijiet terzi professjonali qabel l-1 ta' Jannar 2008 għenet biex tiżgura bidla tal-flus mingħajr xkiel, ħaffet il-piż loġistiku u naqqset l-ispejjeż taċ-ċirkolazzjoni taż-żewġ muniti fl-istess ħin. Id-distribuzzjoni minn qabel tal-karti tal-flus ta' l-euro lill-banek bdiet fid-19 ta' Novembru 2007, waqt li d-distribuzzjoni minn qabel tal-muniti bdiet kważi xahar qabel fit-22 ta' Ottubru 2007. Ftit minn dawn il-flus kontanti mbagħad tqassmu minn qabel lill-bejjiegħa bl-imnut u lil kumpaniji oħra ("sub-frontloading"). Barra dan, fit-3 ta' Diċembru 2007 il-Bank Ċentrali ta' Ċipru, il-banek u s-soċjetajiet ko-operattivi tal-kreditu bdew ibiegħu settijiet tal-bidu bil-muniti ta' l-euro lill-pubbliku. (Id-distribuzzjoni minn qabel tal-karti tal-flus u tal-muniti ta' l-euro hi regolata bil-Linja Gwida tal-BĊE, BĊE/2006/9.)
Il-bidla tal-flus għall-euro saret bla xkiel u malajr.
Mill-1 ta' Frar 2008, għall-pagamenti bi flus kontanti f'Ċipru jistgħu jintużaw biss il-karti tal-flus u l-muniti ta' l-euro, iżda l-banek u s-soċjetajiet ko-operattivi tal-kreditu se jibqgħu jibdlu bla ħlas il-karti tal-flus u l-muniti tal-pound Ċiprijotta bir-rata fissa tal-konverżjoni sat-30 ta' Ġunju 2008. Se jkollhom jitħalsu drittijiet jekk l-ammont għal kull klijent u transazzjoni jkun iktar minn CYP 1,000 għall-karti tal-flus, u CYP 50 għall-muniti. Wara dan, wieħed ikun jista' jibdel il-karti tal-flus tal-pound Ċiprijotta fil-Bank Ċentrali ta' Ċipru sa għaxar snin wara, u l-muniti sa sentejn wara.
Karti tal-pound Ċiprijotta li jistgħu jissarfu
lura għall-bidu| Data | |
|---|---|
| "Sub-frontloading" ta' muniti lill-kumpaniji | 22 ta’ Ottubru 2007 |
| "Sub-frontloading" ta' karti tal-flus lill-kumpaniji | 19 ta’ Novembru 2007 |
| Bejgħ ta' settijiet tal-bidu bil-muniti ta' l-euro lill-pubbliku | 3 ta’ Diċembru 2007 |
| Konverżjoni tal-kontijiet bankarji u introduzzjoni tal-karti tal-flus u tal-muniti ta’ l-euro | 1 ta’ Jannar 2008 |
| L-aħħar jum meta l-karti tal-flus u l-muniti tal-pound Ċiprijotta jkunu valuta legali | 31 ta’ Jannar 2008 |
| Kambju bla ħlas tal-karti tal-flus u l-muniti tal-pound Ċiprijotta minn banek u minn soċjetajiet ko-operattivi tal-kreditu | sat-30 ta' Ġunju 2008 |
| L-aħħar jum għall-kambju tal-muniti tal-pound Ċiprijotta mill-Bank Ċentrali ta' Ċipru | 31 ta’ Diċembru 2009 |
| L-aħħar jum għall-kambju tal-karti tal-flus tal-pound Ċiprijotta mill-Bank Ċentrali ta' Ċipru | 31 ta’ Diċembru 2017 |
Aktar informazzjoni dwar il-bidla tal-flus f'Ċipru tinsab fil-website tal-Bank Ċentrali ta' Ċipru u fil-website uffiċjaliwebsite Ċiprijotta dwar l-euro.
lura għall-bidu