Navigation Path: Home > Publications > Monthly Bulletin > Editorials > 2007 > 12 ta' Lulju 2007
Waqt il-laqgħa tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2007, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE iddeċieda, abbażi ta’ l-analiżi ekonomika u monetarja regolari tiegħu, li jżomm ir-rati ewlenin ta’ l-imgħax tal-BĊE kif kienu. L-informazzjoni li saret disponibbli mis-6 ta’ Ġunju, meta l-Kunsill Governattiv iddeċieda li jiżdiedu r-rati ta’ l-imgħax, kompliet issostni l-loġika li wasslet għal din id-deċiżjoni. Ġie kkonfermat ukoll li l-prospetti għall-istabbiltà tal-prezzijiet fuq żmien medju sejrin jibqgħu soġġetti għal riskji ta’ żieda. Minħabba l-ambjent ekonomiku pożittiv fiż-żona ta’ l-euro, il-politika monetarja tal-BĊE għadha favorevoli, b’kondizzjonijiet għall-finanzjament ġeneralment pożittivi, tkabbir monetarju u tal-kreditu qawwi, u likwidità abbundanti fiż-żona ta’ l-euro. Meta wieħed iħares ’l quddiem, tibqa’ meħtieġa azzjoni soda u f’waqtha biex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-prezzijiet fuq żmien medju. Il-Kunsill Governattiv se jibqa’ jsegwi mill-qrib l-iżviluppi kollha biex jiżgura li r-riskji għall-istabbiltà tal-prezzjijiet fuq perijodu ta’ żmien medju ma jimmaterjalizzawx u l-prospetti ta’ l-inflazzjoni fuq perijodu ta’ żmien medju għal twil fiż-żona ta’ l-euro jibqgħu ankrati b’mod sod f’livelli konsistenti ma’ l-istabbiltà tal-prezzijiet. Ankraġġ bħal dan hu prerekwiżit biex il-politika monetarja tkun tista’ tagħmel kontribut kontinwu ħalli ssostni tkabbir ekonomiku sostenibbli u ħolqien ta’ mpjiegi fiż-żona ta’ l-euro.
Meta wieħed iqis l-analiżi ekonomika, l-aħħar data u r-riżultati ta’ stħarriġ baqgħu pożittivi , u dan kompla jsostni l-opinjoni li l-attività ekonomika fiż-żona ta’ l-euro fit-tieni trimestru ta’ l-2007 kompliet tikber b’rata soda b’mod konformi max-xenarju tal-linja bażi tal-Kunsill Governattiv.
Meta wieħed iħares ’l quddiem, jara li l-prospetti għall-attività ekonomika fuq żmien medju għadhom favorevoli. Il-kondizzjonijiet meħtieġa biex l-ekonomija taż-żona ta’ l-euro tibqa’ tikber b’ritmu sostenibbli għadhom preżenti. Fir-rigward ta’ l-ambjent estern, it-tkabbir ekonomiku globali sar aktar ibbilanċjat fir-reġjuni u, filwaqt li qiegħed jimmodera xi ftit, xorta waħda għadu wieħed b’saħħtu. B’hekk il-kondizzjonijiet esterni qed jibqgħu jsostnu l-esportazzjoni taż-żona ta’ l-euro. Id-domanda domestika fiż-żona ta’ l-euro mistennija wkoll iżżomm ir-ritmu relattivament qawwi tagħha. L-investiment għandu jibqa’ dinamiku, u għandu jgawdi minn kondizzjonijiet ta’ finanzjament ġenerali li għadhom favorevoli, minn qligħ akkumulat u preżenti tal-kumpaniji, minn ristrutturar tal-karti tal-bilanċ, kif ukoll minn titjib fl-effiċjenza tan-negozju li ntlaħaq tul perijodu ta’ żmien. Sadanittant, il-konsum għandu jiġi sostnut minn żviluppi fid-dħul reali disponibbli, hekk kif il-kondizzjonijiet tas-suq tax-xogħol ikomplu jitjiebu.
Fuq żmien qasir, ir-riskji għal dawn il-prospetti favorevoli għat-tkabbir ekonomiku huma ġeneralment ibbilanċjati. Fuq perijodi medji sa itwal, il-bilanċ tar-riskji għadu dak ta’ tnaqqis, l-iżjed minħabba fatturi esterni. Dawn huma marbuta b’mod partikolari mal-biża’ li jiżdiedu l-pressjonijiet ta’ miżuri li jipproteġu s-suq, mal-possibbiltà ta' żidiet oħra fil-prezzijiet taż-żejt, ma' tħassib relatat ma’ żviluppi mħawwda kkawżati mill-iżbilanċi globali u minn tibdil potenzjali fir-reazzjonijiet tas-swieq finanzjarji.
Meta wieħed iħares lejn l-iżviluppi fil-prezzijiet, kif jidher fl-istima preliminari ta’ l-Eurostat, l-inflazzjoni annwali ta’ l-HICP kienet ta’ 1.9% f’Ġunju 2007, jiġifieri l-istess bħal tax-xhur preċedenti. Meta wieħed iħares ’l quddiem, jara li l-profil fuq żmien qasir tar-rati annwali ta’ l-inflazzjoni għadu qed jiġi determinat l-iżjed minn żviluppi preżenti u ta’ l-imgħoddi fil-prezzijiet ta’ l-enerġija, waqt li l-volatilità tas-sena l-oħra fil-prezzijiet ta’ l-enerġija qed twassal għal effetti bażi sinifikanti. Abbażi tal-livell kurrenti u dawk futures fil-prezzijiet taż-żejt, li qed jogħlew, ir-rati annwali ta’ l-inflazzjoni x’aktarx se jonqsu xi ftit biss fix-xhur li ġejjin qabel ma jerġgħu jogħlew b’mod sinifikanti lejn l-aħħar tas-sena.
Fuq żmien medju rilevanti għall-politika, ir-riskji għall-istabbiltà fil-prezzijiet għadhom soġġetti li jiżdiedu. Dawn ir-riskji huma marbuta b’mod speċjali man-naħa domestika. B’mod partikolari, waqt li qed jiżdied l-utilizzar tal-kapaċità ta’ l-ekonomija taż-żona ta’ l-euro u s-swieq tax-xogħol qed jitjiebu ftit ftit, qed jibdew jidhru diffikultajiet li b’mod partikolari jistgħu jwasslu għal żviluppi fil-pagi iżjed qawwija milli kienu mistennija. Barra minn hekk, f’ambjent bħal dan, tista’ tiżdied il-possibbiltà ta’ prezzijiet ogħla f’xi oqsma tas-suq fejn il-kompetizzjoni hi dgħajfa. Żviluppi bħal dawn jimponu riskji ferm għola għall-istabbiltà tal-prezzijiet. Għalhekk, huwa kruċjali li l-partijiet kollha kkonċernati jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom. B’mod partikolari, ftehim fuq il-pagi m’għandhomx ikunu l-istess iżda għandhom iqisu l-pożizzjonijiet tal-kompetittività tal-prezzijiet, il-livell tal-qgħad li għadu għoli f’ħafna ekonomiji, u l-iżviluppi fil-produttività ta’ setturi speċifiċi. Il-Kunsill Governattiv jisħaq fuq l-importanza li jiġu evitati dawk l-iżviluppi fil-pagi li jwasslu għal pressjonijiet inflazzjonarji għad-dannu tal-kapaċità ta’ l-infiq taċ-ċittadini kollha taż-żona ta’ l-euro. Barra minn hekk, iż-żieda fir-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet tirriżulta miż-żidiet fil-prezzijiet amministrati u mit-taxxi indiretti aktar minn dawk mistennija s’issa, u mill-pożizzjoni proċiklika potenzjali ta’ politika fiskali f’xi pajjiżi. Fl-aħħarnett, fuq in-naħa esterna, ir-riskji ta’ żieda huma kkawżati mill-possibbiltà ta’ żidiet oħra mhux mistennija fil-prezz taż-żejt.
L-analiżi monetarja tikkonferma ż-żieda attwali fir-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet fuq żmien medju għal twil. Ir-rata bażi ta’ l-espansjoni monetarja għadha qawwija, u dan f’kuntest ta’ likwidità li diġà hija abbundanti. Is-saħħa kontinwa ta’ l-espansjoni monetarja hi riflessa bit-tkabbir mgħaġġel u kontinwu ta’ l-M3, li f’Mejju żdied b’rata annwali ta’ 10.7%, kif ukoll bil-livell tat-tkabbir tal-kreditu li għadu għoli. Ir-rata qawwija ta’ l-espansjoni monetarja u tal-kreditu tirrifletti, parzjalment, kondizzjonijiet favorevoli ta’ finanzjament u tkabbir ekonomiku sod.
Meta jiġu kkunsidrati u evalwati l-fatturi u x-xejriet sottostanti ta’ l-espansjoni monetarja u tal-kreditu, huwa importanti li wieħed iħares lill hinn mill-volatilità fuq perijodu ta’ żmien qasir u l-effetti tal-bidliet fil-linja tal-kurva tar-redditu u l-fatturi esterni li x’aktarx li se jirriżultaw effetti temporanji. F’din il-perspettiva hemm ħafna indikazzjonijiet li r-rati ogħla ta’ l-imgħax fuq żmien qasir issa qed jinfluwenzaw id-dinamika monetarja, għalkemm s’issa għadhom ma naqqsux ix-xejra tat-tkabbir fl-espansjoni monetarja u tal-kreditu b’mod sinifikanti. Per eżempju, f’dawn l-aħħar trimestri, iż-żidiet fir-rati fuq żmien qasir ikkontribwew għal espansjoni iżjed moderata ta’ l-aggregat ristrett, l-M1. Bl-istess mod, ir-rata tat-tkabbir annwali ta’ self lis-settur privat uriet xi sinjali ta’ stabbilizzazzjoni min-nofs l-2006 ’l hawn, għalkemm dan kien f’livelli ta’ żewġ ċifri. L-istabbilizzazzjoni tat-tkabbir tas-self issa qed tkun iżjed mifruxa, u dan jidher fis-self kemm mill-kumpaniji mhux finanzjarji kif ukoll mill-individwi. Fil-każ ta’ l-aħħar, l-istabbilizzazzjoni tat-tkabbir tas-self tirrifletti wkoll xi modernizzazzjoni fid-dinamiċi tal-prezzijiet tad-djar, għalkemm iż-żieda fil-prezzijiet tad-djar tibqa’ f’livelli ogħla mill-medja fiż-żona ta’ l-euro.
Minħabba s-saħħa ta’ l-espansjoni monetarja u ta’ kreditu kontinwata, hemm indikazzjonijiet ċari li fuq orizzonti ta’ żmien medji għal twal teżisti t-tendenza li r-riskji għall-istabbilità tal-prezzijiet jiżdiedu. Wara ħafna snin ta’ tkabbir monetarju b’saħħtu, is-sitwazzjoni tal-likwidità fiż-żona ta’ l-euro għadha abbundanti. F’dan l-ambjent, l-iżviluppi monetarji għadhom jeħtieġu sorveljanza b’reqqa kbira, b’mod partikolari fuq l-isfond ta’ l-espansjoni fl-attività ekonomika u l-iżviluppi fis-swieq tal-proprjetà li għadhom qawwija.
Fil-qosor, meta jiġu stmati x-xejriet fil-prezzijiet, huwa importanti li wieħed iħares lil hinn minn kwalunkwe volatilità fir-rati ta’ l-inflazzjoni fuq żmien qasir. Il-perijodu rilevanti għall-politika monetarja hu dak ta’ żmien medju. Ir-riskji fuq żmien medju għad-dannu ta’ l-istabbiltà tal-prezzijiet jistgħu jiżdiedu, u dan b’mod partikolari fil-qasam domestiku. Waqt li jiżdied l-użu tal-ħaddiema kollha disponibbli u s-swieq tax-xogħol jitjiebu ftit, ftit, qed jibdew jidhru diffikultajiet li b’mod partikolari jistgħu jwasslu għal żviluppi fil-pagi u fil-marġini tal-profitti iżjed qawwija milli kien mistenni. Minħabba t-tkabbir monetarju u tal-kreditu qawwi ħafna f’ambjent ta’ likwidità li huwa diġà abbundanti, verifika tar-riżultat ta’ l-analiżi ekonomika kontra dik ta’ l-analiżi monetarja ssostni l-istima li, fuq żmien medju sa itwal, ir-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet se jibqgħu preżenti. Għaldaqstant, il-Kunsill Governattiv se jħares mill-qrib lejn l-iżviluppi kollha sabiex jagħmel żgur li r-riskji għall-istabbilità tal-prezzjijiet fuq perjodu ta’ żmien medju ma jseħħux u jkun hemm ankraġġ sod ta’ l-aspettattivi dwar l-inflazzjoni fuq perjodu ta’ żmien medju għal twil fiż-żona ta’ l-euro, f’livelli li jkunu konsistenti ma’ l-istabbilità tal-prezzijiet. Meta wieħed iħares ’l quddiem, jara li tibqa’ meħtieġa azzjoni soda u f’waqtha biex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-prezzijiet fuq żmien medju.
Fir-rigward tal-politika fiskali, il-Kunsill Governattiv jinnota bi tħassib il-pressjoni li ġejja minn numru ta’ pajjiżi sabiex il-miri tal-konsolidazzjoni fiskali li kien hemm qabel, ma jibqgħux daqshekk stretti. Fl-ambjent ekonomiku globali attwali ġeneralment tajjeb, huwa importanti ferm li l-gvernijiet kollha jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbilità u tat-Tkabbir dwar il-konsolidazzjoni fiskali fis-"żminijiet tajbin" u li l-pajjiżi kollha konċernati jonoraw l-impenni li wegħdu fil-laqgħa tal-Eurogroup f’Berlin fl-20 ta’ April 2007. Kif miftiehem f’Berlin, jekk il-membri taż-żona ta’ l-euro japprofittaw irwieħom mill-kondizzjonijiet ċikliċi favorevoli, il-biċċa l-kbira jkunu jistgħu jilħqu l-miri fuq żmien medju tagħhom fl-2008 jew l-2009, u kollha għandhom jimmiraw li jagħmlu dan mhux iżjed tard mill-2010. Dawn il-wegħdiet għandhom jiġu riflessi fil-pjanijiet tal-baġit ta’ l-2008 sabiex ma jerġax jirrepeti ruħu n-nuqqas passat tal-gvernijiet li jaġġustaw il-bilanċi fiskali fi żminijiet ekonomiċi “tajbin”. Fl-istess ħin, il-Kunsill Governattiv jilqa’ l-emfażi mpoġġi mill-Kunsill ta’ l-ECOFIN fuq il-miżuri sabiex titjieb il-kwalità u l-effiċjenza tal-finanzi pubbliċi.
Fir-rigward tar-riformi strutturali, il-Kunsill Governattiv jappoġġja bis-sħiħ il-miżuri kollha li jtejbu l-mod kif jaħdmu s-swieq tal-prodotti, tax-xogħol u finanzjarji. Fil-kuntest tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u Xogħlijiet, l-Istati Membri ta’ l-UE innotaw li Suq Intern li jaħdem tajjeb jibqa’ fil-qalba ta’ l-aġenda ta’ Liżbona u li l-erba’ libertajiet tiegħu jsaħħu l-kompetittività ta’ l-Unjoni Ewropea. L-ilħuq ta’ tmiem il-proċess tas-Suq Waħdieni huwa għalhekk prijorità għal Stati Membri, b’mod partikolari fir-rigward ta’ aktar integrazzjoni tas-suq finanzjarju, aktar kompetizzjoni effettiva fis-suq ta’ l-enerġija u l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Żieda fil-kompetizzjoni tas-suq u tnaqqis ta’ ostakoli transkonfini huma ta’ benefiċċju għall-konsumaturi għax dawn iwasslu għal prezzijiet aktar baxxi u għażla akbar ta’ prodotti. Għad-ditti kummerċjali, dawn iwasslu għal effiċjenza akbar, dinamiżmu akbar u kapaċità mtejba sabiex jagħmlu tajjeb għal xokkijiet ekonomiċi u sabiex jindirizzaw l-isfidi u l-opportunitajiet maħluqa mill-globalizzazzjoni. L-ħarsien tal-prinċipju ta’ “ekonomija ta’ suq miftuħ b’kompetizzjoni libera” huwa essenzjali sabiex iseħħ kemm it-tkabbir ekonomiku fuq perjodu fit-tul kif ukoll il-ħolqien ta’ xogħlijiet, u dan isaħħaħ il-felħan taż-żona ta’ l-euro għal xokkijiet ekonomiċi u jiffaċilita ż-żamma ta' l-istabbiltà tal-prezzijiet fiż-żona ta’ l-euro. Dan ġie kkonfermat fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill Ewropew, meta l-mexxejja ta’ l-UE ftehmu li jannettu protokoll ġdid għat-Trattati, fil-kuntest tal-Konferenza Intergovernattiva. Dan il-protokoll jenfasizza l-fatt li Suq Intern li jinkludi sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tkunximfixkla, hija tabilħaqq indispensabbli għat-tħaddim tajjeb ta’ l-ekonomiji ta’ l-UE.
Din il-ħarġa tal-Bullettin ta’ Kull Xahar fiha żewġ artikli. L-ewwel Artikolu jiddeskrivi u jinterpreta l-iżviluppi monetarji fiż-żona ta’ l-euro sa mill-2004. It-tieni Artikolu jirrevedi l-karatteristiċi strutturali prinċipali u l-iżviluppi ekonomiċi reċenti fil-pajjiżi li l-aktar jesportaw żejt.
lura għall-bidu